Fit-tieni ġurnata tat-Tazza tad-Dinja tad-darts li qed issir Esbjerg fid-Danimarka, Albert Scerri wara li rnexxielu jgħaddi għal mal-aħħar 128 wara li għeleb lid-Daniż Andrea Toft 4-3, fir-round ta’ wara kien eliminat mill-Awstraljan Peter Machin 4-3 minkejja wirja tajba.
Norbert Attard kien eliminat mill-Awstaljan Raymond Smith 4-2 b’Tony Borg u Enrico Scerri li wkoll tilfu l-logħba tagħhom kontra James Hurrell 4-1 u Michael Cassar 4-0 rispettivament.
F’partiti oħra li ntlagħabu, il-koppja Tony Borg u Enrico Scerri tilfu l-konfront tagħhom mill-fażi tal-aħħar 256 meta sfaw megħluba minn Ricky Dunlop u John Neill tal-Ingilterra 4-2.
It-tim Malti tan-nisa li wara rebħa ta’ 9-6 kontra l-Indja, fil-konfront kontra l-Litwanja wara skor ta’ 8-8, ġie melgħub fil-leg deċiżiv b’Althea Ciantar li falliet għal ftit għal skor finali ta’ 9-8 għal-Litwanja.
F’partiti oħra rizultati negattivi wara li Malta tilfet bl-iskor identiku ta’ 9-0 kontra Spanja, Żvezja u l-Istati Uniti.