Żagħżugħa ta’ 28 sena, residenti x-Xgħajra ġiet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal sena wara li l-Qorti sabitha ħatja li f’jum Santa Marija ta’ sentejn ilu feriet ħafif mara ta’ nazzjonalità Russa f’parkeġġ pubbliku f’Baħar iċ-Ċagħaq.
Josloann Cassar instabet ħatja mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace wara li l-prosekuzzjoni spjegat kif il-każ kien seħħ fil-15 t’Awwissu tal-2021, filgħaxija fi Triq il-Blat l-Abjad. Cassar instabet ħatja wkoll li dakinhar għamlet bi kważi €2,000 fi ħsara fuq il-karozza tal-vittma u li kisret il-paċi pubblika.
L-Ispettur Ritienne Gauci qalet li l-aggressjoni seħħet wara li Cassar sakkret il-karozza tar-Russa. Din xehdet li kienet ilha madwar kwarta fejn bdiet iddoqq il-ħorn biex Cassar issuq l-karozza ħalli tkun tista’ toħroġ il-vettura tagħha.
Qalet li Cassar għajritha “qaħba Russa”, beżqitilha u bdiet tagħti bis-sieq fuq il-karozza tagħha minflok skużat ruħha magħha. Qaltilha wkoll “go to your country” u li qabditilha xagħarha u tagħtha xi daqqiet f’wiċċha.
Min-naħa tagħha, Cassar sostniet li minkejja li pparkjat ħażin, il-karozza bdiet tittawlilha ta’ spiss. Saħqet li meta qalet lill-vittma li se ssuqilha hija offendietha bil-Malti. Il-Qorti qalet li m’hemmx provi li juru li kienet il-vittma li pprovokat lill-akkużata.
Apparti s-sentenza sospiża, il-Maġistrat Micallef Stafrace ħarġet anki ordni ta’ trażżin fil-konfront ta’ Cassar għal perjodu ta’ sena. Surġent tal-Pulizija xehdet fil-Qorti li għall-ħabta tad-9.30pm. ġiet infurmata li kien hemm argument bejn xi nies ħdejn Tony’s Kiosk Bar, Baħar iċ-Ċaghaq.
Meta marret fuq il-post tkellmet mal-vittma li qalet li bejn id-9pm u l-10pm. kienet ma ħabibtha ġewwa restaurant fl akwata u meta kienu se jitlqu sabu vettura Kia Mentor timblukkaha u li l-akkużata meta qaltilha biex tneħħiha, offendieta, kaġunatilha ġrieħi fuq il-persuna tagħha u ħsara fil-vettura.
Is-Surġent qlet li wara li staqsiet fil-madwar irriżulta li kienet persuna femminili li wara giet identifikata mill-pulziija bħala Josloann Cassar. Minn aktar indaġni l-pulizija ġabret filmat ta’ dak li seħħ. Meta Cassar ġiet mitkellma mil-pulzija hija qalet li l-mara barranija insulentata bil-Malti u hi rispondietha lura. Hija stqarret li ġiet pprovokata.
Xehdet ukoll it-tabiba Agnes Portelli fejn ikkonfermat li eżaminat lill-vittma fis-16 ta’ Awissu, 2021, fid-dipartiment ta’ l-Emerġenza ta’ l-Isptar Mater Dei. Hi kienet qed issofri minn uġiegħ fl-għadam tal-wiċċ, tbenġil fuq dirgħaja tax-xellug u tal-lemin fuq in-naħa ta’ quddiem u wara. Kellha wkoll uġiegħ
fuq in-naħa t’ isfel tas-swaba ta’ idha il-leminija. In-natura ta’ dawn il-ġreħi huma ħfief salv ebda kumplikazzjonijiet.