Ingliż ta’ 54 sena minn Chesterfield, residenti l-Qawra ġie kkundannat disa’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati li ta fastidju lill-eks-sieħba tiegħu Maltija. Hu iżda ma nstabx ħati fuq li heddidha permezz ta’ mezz tat-telekomunikazzjoni u li insultaha minħabba nuqqas ta’ provi.
Il-każ seħħ fl-2022 meta l-mara marret tirrapporta lit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika tal-Pulizija. Il-Pulizija bdiet tinvestiga u ressqet lir-raġel il-Qorti fejn il-mara xehdet li temmet ir-relazzjoni għax ir-raġel kien għajjur tant li anke meta kienet tmur it-toilet kien isegwiha.
Fix-xhieda tagħha l-mara qalet li f’Ġunju 2019 iltaqgħet mal-akkużat u daħlu f’relazzjoni. Huma għexu flimkien fl-appartament tagħha f’Buġibba, madankollu hi eventwalment temmet ir-relazzjoni minħabba imġieba ossessiva, ġelosija u possessiva min-naħa tiegħu,
Hija ċaħdet li temmet ir-relazzjoni meta bintha marret tgħix magħha jew għax ma riditx li bintha ssir taf dwar ir-relazzjoni tagħha mal- akkużat, u saħqet li kien għex magħha flimkien ma bintha taħt l-istess saqaf. Ċaħdet ukoll li ressqet ir-rapport tal-Pulizija għax bintha kienet ippressatha biex tagħmel dan.
Hija sostniet li r-raġel beda jsus warajha u meta mblokkatlu n-numru tal-mobile phone beda jibgħatilha messaġġi minn numru ieħor. Il-mara spjegat li meta kienet tkun xogħol f’bar u huwa kien imur f’kafetterija viċin u joqgħod iħares lejha.
Hija żiedet li l-fatt li kien isegwiha l-ħin kollu u kullimkien beda jdejjaqha u spiċċat ma tmurx fejn tkun taf li seta’ jkun hemm hu u tħares warajha f’postijiet oħra. Min-naħa tiegħu r-raġel xehed li huwa kien jibgħatilha messaġġi biex jara kif inhi għax baqgħu ħbieb u qal li ma kienitx qed tgħid il-verità.
Il-Maġistrat Rachel Montebello ddeskriviet ix-xhieda tal-mara bħala turija ta’ kemm kienet tinsab taħt pressjoni mis-sitwazzjoni. Hi ddeskriviet il-verżjoni tal-mara bħala kredibbli u konsistenti u qalet li meta fl-interrogazzjoni tal-Pulizija qal li kien jiltaqa’ magħha fil-bar imma jevita l-kuntatt kienet prova li kien qed isegwiha.
“Kull tip ta’ dan l-aġir pero’ hu kalkolat li joħloq ċerta biża’ f’dak li jkun b’mod li joħloq sensazzjoni li qed tiġi segwita u impoggi taħt ċerta pressjoni inġusta. Hu proprju dan li din il-ligi l-gdida trid tipprojbixxi,” qalet il-Qorti.
Il-Maġistrat Montebello sabet lir-raġel ħati ta’ fastidju imma mhux li heddidha bil-messaġġi għax ma ġiex pruvat li bagħathom hu. Hija kkundannatu disa’ xhur ħabs li jidħlu fis-seħħ biss jekk jikkommetti reat ieħor fis-sentejn li ġejjin u ħarġet ordni ta’ trażżin għal sentejn biex tipproteġi lill-vittma. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef.