Il-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti Norma Saliba infexxet f’attakk fuq il-Kunsill tal-Malti wara li n-nomina tagħha ta’ Kap Eżekuttiv ġabet magħha kontroversja sħiħa. B’Norma Saliba tistaqsi x’ħidma qed iwettaq dan il-Kunsill?
F’post fuq Facebook hi saqsiet xi proġetti għandu l-Kunsill tal-Malti għall-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-ilsien Malti. “Meta se jkollna dizzjunarju nazzjonali aġġornat? Għandu jkollna ċekkjatur? Sodisfatti bl-għodod teknoloġiċi fl-ilsien Malti? Hawn riżorsi biżżejjed għall-promozzjoni u l-użu ta’ ilsien twelidna? X’viżjoni għandu l-Kunsill għas-snin li ġejjin biex il-Malti ma jintilifx fid-dawl tal-aħħar iżviluppi soċjali u ekonomiċi?”
Dawn id-domandi kollha saru mill-istess Norma Saliba li qed titkellem għall-ewwel darba dwar din il-kontroversja li ġabet magħha kundanna enormi minn dawk kollha involuti fis-settur. Apparti minn hekk, infetħu wkoll proċeduri fil-Qorti kontra din il-ħatra.
Norma Saliba qed tinsisti li hi għandha l-kwalifiki u l-esperjenza, u appellat lin-nies biex ifittxu kemm jitħallsu Kapijiet Eżekuttivi oħra ta’ entitajiet governattivi.
“Min jafni u ħadem miegħi huwa konxju ta’ kemm jiena persuna professjonali, retta u perfezzjonista f’xogħli. Li hu żgur li m’inix opportunista”, kitbet Norma Saliba.