Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Niskopru aktar dwar l-għasafar tal-passa fil-EuroBirdwatch li se tittella’ fil-weekend

BirdLife International qed tistieden lin-nies fl-Ewropa u l-Asja Ċentrali biex jiskopru ddinja affaxxinanti tal-passa tal-għasafar matul il-weekend tat-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru. Miljuni ta’ għasafar tal-passa bħalissa qed iħallu l-Ewropa u jivvjaġġaw lejn il-postijiet fejn se jqattgħu x-xitwa fin-Nofsinhar.

Din l-akbar attività tal-BirdLife fl-Ewropa ilha tiġi organizzata mill-1993. Din is-sena timmarka l-31 anniversarju ta’ dan l-avveniment annwali. Matul dawn is-snin kollha l-EuroBirdwatch attirat aktar minn 1.3 miljun ruħ li osservaw aktar minn 100 miljun għasfur qed ipassu. Matul is-snin l-Imsieħba tal-BirdLife stiednu lil dawk kollha li jħobbu n-natura u l-għasafar biex jingħaqdu f’aktar minn 45,000 attività tal-osservazzjoni tal-għasafar madwar l-Ewropa u l-Asja Ċentrali.

L-għan ewlieni ta’ EuroBirdwatch hu li tqajjem kuxjenza dwar il-bżonnijiet tal-għasafar tal-passa fil-postijiet fejn ibejtu, il-flyways u l-postijiet fejn jieqfu jistrieħu, u anke fil-postijiet fejn iqattgħu x-xitwa fil-Mediterran u fl-Afrika. L-għasafar jiffaċċjaw wisq ostakli matul il-passa, u l-aktar perikli serji li jiffaċċjaw jinkludu t-tibdil fil-klima, l-intensifikazzjoni tal-użu tal-art u l-qtil illegali.

Din is-sena, 33 imsieħeb nazzjonali ta’ BirdLife International fl-Ewropa u l-Asja Ċentrali, fosthom BirdLife Malta, se jorganizzaw attivitajiet u postijiet għall-birdwatching fejn in-nies ikunu jistgħu josservaw l-għasafar u jitgħallmu dwar il-passa tal-għasafar u l-perikli li l-għasafar jiffaċċjaw tul il-vjaġġi tagħhom.
Fi tmiem il-weekend tal-EuroBirdwatch, in-numri tal-għasafar kollha li jkunu ġew osservati u l-ammont ta’ parteċipanti f’dawn l-attivitajiet kollha jiġu magħduda u rrappurtati miċ-ċentri nazzjonali f’kull pajjiż liċ-ċentru Ewropew li din is-sena se jkun ibbażat fis-Slovakkja. Ir-riżultati se jiġu aġġornati b’mod kontinwu fuq is-sit elettroniku www.eurobirdwatch.eu u fuq Facebook hawnhekk: facebook.com/EuroBirdwatch.

F’Malta, BirdLife Malta, bħala l-Imsieħeb tal-familja tal-BirdLife, se torganizza attivitajiet matul il-weekend tal-EuroBirdwatch23. Is-Sibt 30 ta’ Settembru fir-Riserva Naturali tal-Għadira se nilqgħu lill-pubbliku għal sessjonijiet ta’ bird ringing (bil-booking) fis-7am u fit-8am, li jkunu segwiti minn open day għall-familji fir-riserva bejn l-10am u l-4pm (m’hemmx ħtieġa ta’ booking).

L-għada l-Ħadd l-1 ta’ Ottubru, se nkunu l-Buskett bejn is-2pm u s-6pm fejn se norganizzaw sessjoni ta’ birdwatching għat-tajr tal-priża (bil-booking) li jkun qed ipassi. Għal aktar dettalji u biex tibbukkja, żur il-ħoloq ta’ hawn taħt.

Is-Sibt: EuroBirdwatch23 at Għadira Nature Reserve

Il-Ħadd: EuroBirdwatch23 at Buskett