Il-President Russu Vladimir Putin u eks-kmandant ewlieni tal-grupp Wagner magħmul mill-paramilitari merċenarji qed iwittu t-triq lejn żviluppi sinifikanti fil-gwerra tal-Ukrajna li ilha għal aktar minn sena u nofs.
Dan fost rapporti li Putin talab lil Andrei Troshev – illum involut mal-Ministeru tad-Difiża f’Moska – biex jieħu ħsieb li jifforma gruppi ta’ ġellieda volontarji li għandhom jgħinu lill-Armata regolari tar-Russja waqt il-konflitt fl-artijiet Ukreni.
Andrei Troshev hu ek-kollaboratur ewlieni ta’ Yevgeny Prigozhin, il-Kap-Kmandant tal-Wagner li tilef ħajtu f’Awwissu meta l-ajruplan li kien qed jivvjaġġa fih iġġarraf f’ċirkustanzi misterjużi.
Il-mewt ta’ Prigozhin kien seħħ proprju xahrejn wara li l-paramilitari tal-Wagner mexxew il-famuża rewwixta ta’ anqas minn 24 siegħa fir-Russja u fejn kienu waslu qrib ħafna ta’ Moska – bit-Tmexxija fil-Kremlin tispiċċa f’xifer ta’ kroll.
Prigozhin – għal xi raġuni jew oħra – kien iddeċieda li jirtira lill-merċenarji minn Moska u, wara, Putin kien spiċċa jiffaċċja l-akbar sfida ‘fl-istorja’ għall-awtorità tiegħu.
Il-Kremlin issa indika li Putin ħeġġeġ lil Troshev biex jiġbor it-taqsimiet tal-voluntiera bil-kapaċità li jaddattaw ruħhom għal kwalunkwe tip ta’ kumbattimenti – u b’mod partikulari għall-battalji li għaddejjin bħalissa fl-Ukrajna’.
Dan waqt li l-Kremlin għadu sallum jirreferi għall-invażjoni u l-gwerra fl-Ukrajna bħala ‘azzjoni militari speċjali’ – bir-rapporti jkomplu li Troshev hu ‘l-aħjar għażla ta’ uffiċjal’ biex jaċċerta s-suċċess ta’ dawn it-taqsimiet waqt il-kumbattimenti fit-territorji tal-Ukreni.
Andrei Troshev hu veteran rispettat tal-gwerer tar-Russja fl-artijiet tal-Afganistan u ċ-Ċeċenja waqt li kien onorat bil-premju ‘Eroj tar-Russja’ għar-rwol tiegħu biex, bejn l-2015 u l-2016, jappoġġja lill-qawwiet tal-Gvern Sirjan tal-President Bashar al-Assad (alleat kbir ta’ Moska) matul il-gwerra ċivili tas-Sirja. Hu kien qeda dan ir-rwol bħala Kmandant ewlieni tal-qawwiet tal-Wagner fl-artijiet Sirjani.