Ftit hemm dubju li l-maġġoranza tal-partitarji tal-Partit Repubblikan qed jinsistu bl-għażla tal-eks President Amerikan Donald Trump biex jikkuntesta għall-White House f’isimhom. Dan ladarba l-Istati Uniti tivvota fl-elezzjoni Presidenzjali li ssir f’Novembru tas-sena d-dieħla.
Fil-fatt – u għalkemm Trump ma attendiex għat-tieni dibattitu bejn il-kandidati li qed jisfidaw għat-tikketta Repubblikana – hu xorta waħda ħareġ ‘rebbieħ’ f’sitwazzjoni fejn ir-rivali tiegħu dehru aktar ħsiebhom f’li jikkonfrontaw lil xulxin fuq nota personali u meta ħadd minnhom ma kkonvinċa daqshekk bħala għażla ulterjuri.
Is-seba’ kandidati li parteċipaw fid-dibattitu, fil-belt ta’ Los Angeles, kollha għandhom distakk konsiderevoli ma’ Trump fit-tellieqa għan-nomina tal-Partit Repubblikan.
Fl-istess ħin, diffiċli li wieħed jara xi bidla notevoli fid-dinamika, bil-kandidati jinstemgħu pjuttost konfużi u inċerti waqt id-dibattitu kaotiku li dam għal sagħtejn u fejn huma interrompew diversi drabi lil xulxin u anki għamlu l-ħajja diffiċli għall-moderaturi.
L-akbar sfidant għal Trump minn fost is-seba’ hu l-Gvernatur ta’ Florida Ron DeSantis li, waqt id-dibattitu, ikkritika lill-eks President talli ma kienx preżenti fuq il-palk ta’ Los Angeles biex jiddefendi r-rekord tiegħu.
DeSantis, qabel, kien qed iżomm lura milli jattakka lil Trump għaliex kien qed iqis lilu nnifsu bħala ‘alternattiva popolari’ fost il-partitarji Repubblikani. Iżda kollox jindika li Trump qed iżid fil-popolarità qalb ir-Repubblikani u DeSantis issa qed jibdel l-istrateġija bil-ħsieb li jagħlaq id-distakk mal-eks President skont l-aħħar stħarriġ pubbliku.
Kuntrarju għal DeSantis, l-eks Gvernatur ta’ New Jersey Chris Christie mill-bidunett kien qed jikkonċentra fuq l-attakki regolari kontra Trump bħala parti integrali tal-kampanja tiegħu.
Madankollu l-atteġġjament aggressiv ta’ Christie u n-natura ġenerali tat-tieni dibattitu għar-Repubblikani ma jidhrux li konvinċew lill-elettorat almenu s’issa. Dan meta lanqas il-kandidati l-oħra – Vivek Ramaswamy, Nikki Haley, Mike Pence, Doug Burgum u Tim Scott — ma impressjonaw wisq bl-interventi u d-diskorsi tagħhom fost ambjent ċar ta’ ostilità.
Fl-istess ħin, l-istħarriġ ta’ sigħat ilu fl-Istati Uniti indika li Donald Trump ma ħallas l-ebda prezz politiku għad-deċiżjoni tiegħu biex jinjora d-dibattitu f’Los Angeles – l-istess bħalma kien għamel għall-ewwel dibattitu tar-Repubblikani.
Fil-fatt, Trump jidher li anki żied il-vantaġġ fuq ir-rivali Repubblikani u bir-rapporti jgħidu li l-eks President Amerikan qed jaħseb biex ma jippreżentax ruħu lanqas għat-tielet dibattitu tar-Repubblikani li se jsir f’Miami, fl-Istat ta’ Florida, meqjusa bħala ‘il-fortizza’ ta’ Ron DeSantis.