Libjan ta’ 41 sena sofra ġrieħi f’wiċċu wara li allegatament kien involut f’argument ma’ raġel ieħor li ħarab minn fuq il-post.
Il-każ seħħ fi Triq Paceville, f’San Ġiljan, għall-ħabta tat-3am.
Waqt li kienu fuq dan ir-rapport, pulizija oħra li kienu fuq ronda fi Ġnien Spinola, innutaw raġel, Ingliż ta’ 27 sena, li kellu wkoll xi ġrieħi. Il-Pulizija avviċinawh u allega li ftit minuti qabel kien ukoll involut f’argument.
Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li ż-żewġt irġiel kellhom argument bejniethom u allegatament, intuża flixkun tal-ħġieġ.
Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura, fejn ġew iċċertifikati bi ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.