David Casa b'appell lill-Kummissjoni Ewropea
Il-Membru Parlamentari Ewropew, David Casa, talab lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, biex tieħu azzjoni konkreta fuq l-iskema korrotta tax-xiri ta’ voti mill-Partit Laburista.
“Il-partit fil-Gvern jaħdem bħal organizzazzjoni kriminali mifnija bil-frodi, falsifikazzjoni u tixħim biex jixtru l-voti, li qed itellfu l-kredenzjali demokratiċi tagħna,” sostna l-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista.
Casa rrefera għal diversi aħbarijiet ta’ korruzzjoni li ħarġu matul is-snin u sostna li din hija waħda mill-aktar gravi.
“Filwaqt li l-kriminalità saret sinonima ma’ dan il-Gvern, l-aħħar aħbarijiet huma inkwetanti minħabba li l-iskema mmanipulat elezzjonijiet bl-użu ta’ fondi maħsuba għal persuni b’diżabilità severa.”
Casa appella lill-Kummissjoni biex tagħmel użu mill-għodda li għandha inkluż il-monitoraġġ tal-istat tad-dritt u l-mekkaniżmi ta’ kundizzjonalità.