Meta l-Gvern ta’ Robert Abela għażel li jospita s-Summit tal-EU-MED 9 fl-Imdina, jidher li injora għalkollox il-fatt li fl-Imdina hemm 50 familja.
Dan hekk kif numru ta’ residenti tal-Imdina għamlu kuntatt ma’ dan is-sit iffrustrati dwar il-mod kif qed jiġu ttrattati biex joħorġu mill-għatba ta’ darhom ‘il barra f’dawn il-jiem ta’ tħejjija għas-summit.
Sempliċiment sabiex joħorġu sal-Katidral biex jisimgħu quddiesa, dawn ir-residenti qegħdin jintalbu jiġu eskortati minn Pulizija biex joħorġu mid-dar sal-bieb tal-Katidral u lura d-dar.
Tant qed iħossuhom imsakkra fi djarhom, li l-familjari ta’ dawn ir-residenti ma jistgħux iżuruhom x’ħin iridu f’dawn il-jiem filwaqt li għada, minn tal-anqas bejn il-5pm u l-10pm, dawn ir-residenti jridu jsegwu numru ta’ restrizzjonijiet.