Illum niċċelebraw il-Jum Dinji Marittimu. Il-Partit Nazzjonalista, mhux biss jixtieq jirringrazzja lill-istakeholders u l-ħaddiema kollha f’dan is-settur essenzjali, iżda jassigura li kif għamel fil-passat, se jibqa’ jara li jixpruna dan is-settur ‘il quddiem. Settur li dejjem emmen fih u li jibqa’ jidentifika l-potenzjal enormi li għandu għal pajjiżna.
Dan intqal fi stqarrija tad-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Ivan Castillo.
Malta hi Nazzjon Marittimu u l-importanza ta’ dan is-settur, ħafna drabi ma tkunx innutata. It-tbaħħir u t-trasbord jikkontribwixxi għal 80% tal-merkanzija kollha ta’ pajjiżna. Dan is-settur jikkontribwixxi għal 14% tal-Prodott Gross Domestiku Nazzjonali tagħna u jimpjega aktar minn 20,000 persuna b’valur miżjud direttament.
L-importanza ta’ dan is-settur essenzjali kien enfasizzat matul il-perjodu tal-COVID-19, fejn l-istakrholders ta’ dan is-settur kienu kruċjali biex il-pajjiż ikompli jiffunzjona.
Illum niċċelebraw ukoll il-50 anniversarju tal-konvenzjoni internazzjonali MARPOL, li b’għaqal u b’viżjoni, l-IMO identifikat il-ħtieġa li jkun evitat it-tniġġis tal-vapuri u hi pedament biex niżguraw is-sostenibbiltà u r-responsabbiltà tal-ibħra tagħna.
Din il-konvenzjon,i kif żviluppat matul dawn is-snin, flimkien ma’ inizjattivi tal-Unjoni Ewropea bħalma hi l-Fit for 55 jiżguraw l-impenn ta’ dan is-settur għat-tibdil fil-klima. Iżda dan ma jiġix mingħajr sfidi, bil-Partit Nazzjonalist se jkompli jaħdem fl-interess nazzjonali biex jiżgura li l-portijiet kollha tal-Unjoni Ewropea jkunu f’kundizzjonijiet ekwi u jintlaħaq l-ispirtu veru ta’ direttivi bħal dawn u verament inaqqas il-carbon footprint.
Il-Partit Nazzjonalista jrid li nkomplu nistinkaw biex ikun żgurat li l-għanijiet jintlaħqu u pajjiżna jibqa’ kompetittiv, mingħajr telf ta’ negozju lejn portijiet oħrajn barra mill-Unjoni Ewropea, li jaħdmu kontra l-miri mixtieqa mid-direttiva.
Il-Partit Nazzjonalista jsellem ukoll lill-ħaddiema li l-ħin kollu jagħmlu sagrifiċċji kbar, bħalma huma l-baħħara, il-piloti tal-bastimenti, il-mooringmen, il-ħaddiema tax-xatt u oħrajn, inkluż is-sidien u l-operaturi tal-bastimenti, li bil-ħidma kollettiva tagħhom iżommu għaddejja din l-industrija essenzjali u ta’ fejda.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem biex jiżgura t-tkabbir akbar ta’ dan is-settur essenzjali għall-ekonomija tagħna.