Il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau, għan-nom ta’ pajjiżu, talab apoloġija wara li l-membri tal-Parlament f’Ottawa applawdew u faħħru raġel Ukren bħala ‘eroj għal pajjiżu u l-Kanada’….Dan qabel sar magħruf li r-raġel, Yaroslav Hunka, kien iġġieled fuq in-naħa tan-Nażisti matul it-Tieni Gwerra Dinjija fejn serva bħala membru ta’ diviżjoni militari tal-SS akkużat bil-qtil ta’ ċivili Pollakki u Lhud.
Trudeau ammetta li dan kien żball embarazzanti għall-Parlament u għall-Kanada iżda xorta ma naqsitx il-kritika min-naħa tal-komunità internazzjonali u l-Oppożizzjoni Kanadiża. Intant, irriżenja l-iSpeaker tal-Parlament Anthony Rota li assuma responsabbiltà għall-preżenza ta’ Hunka fil-Parlament bħala mistieden speċjali.
Yaroslav Hunka illum għandu 98 sena u Justin Trudeau anki talab apoloġija diretta lill-President Ukren Volodymyr Zelensky li kien preżenti f’Ottawa għall-mument tal-applawż u li r-ritratt tiegħu hemmhekk qed ikun sfruttat mir-Russja għal skopijiet ta’ propaganda.
Il-Prim Ministru Kanadiż qal li ħadd min-nies preżenti fil-Parlament ma kien jaf dwar il-passat Nażista ta’ Hunka waqt li ammetta li l-azzjoni għandha titqies bħala insult lill-miljuni li mietu fl-Olokawst tat-Tieni Gwerra. Dan waqt li l-Gvern Kanadiż irrikonoxxa ‘l-uġigħ tal-Lhud u ta’ miljuni oħra li sfaw vittmi tal-ġenoċidju Nażista.’
Yaroslav Hunka kien jifforma parti minn taqsima tal-SS magħmul fost oħrajn minn voluntiera Ukreni li kienu taħt il-kmand dirett tan-Nażisti ta’ Adolf Hitler. Iżda minkejja l-akkużi dwar diversi atroċitajiet, l-ebda tribunal ma qatt sab lil din id-diviżjoni ħatja dwar reati tal-gwerra.