Il-policies kurrenti tal-gvern f’Malta qed iġibu fix-xejn dawn l-isforzi li qed isiru fuq livell Ewropew sempliċiment biex il-lobby tal-kaċċaturi jinżamm kuntent u jkun jista’ joqtol aktar minn dawn l-għasafar.
Hekk saħqet l-għaqda BirdLife, hekk kif ma tantx kellu għalfejn jgħaddi żmien biex Arpa oħra tispiċċa vittma tal-istaġun tal-kaċċa mimli illegalitajiet li għaddej bħalissa. Ilbieraħ waranofsinhar Arpa (Osprey) li kien jidher ċar li hija feruta ġiet osservata tittajjar fuq il-Buskett. It-tajra tal-priża kellha ċrieket tal-kulur imwaħħlin ma’ saqajha. Wara li sparawlha xi mkien fil-viċinanzi, l-Arpa ppruvat tinżel fuq waħda mis-siġar qrib il-Buskett.
Minħabba li ma setgħetx tuża saqajha, ippruvat ħafna taqbad ma’ fergħa imma finalment spiċċat waqgħet mal-art minn fuq is-siġra. Uffiċjali tal-Environmental Protection Unit (EPU) tal-Pulizija li marru fil-post ġabru l-għasfur bl-għajnuna ta’ birdwatchers u ħaduh mill-ewwel għand il-veterinarju.
Ir-riżultat kien ċar. Biċ-ċomb li qalgħet l-Arpa kellha saqajha t-tnejn miksurin, u f’din is-sitwazzjoni ma kellha l-ebda ċans li tirkupra. L-għasfur hu ferħ li twieled ftit xhur ilu fil-Latvja, u kien fuq l-ewwel vjaġġ tiegħu lejn l-Afrika għax-xitwa. Fil-fatt kien ikkonfermat li l-Arpa ġiet irringjata f’Lulju ta’ din is-sena fil-bejta qrib il-villaġġ ta’ Blīdene (Muniċipalità ta’ Saldus), fil-Latvja.
Dan it-tagħrif stajna niksbuh wara kuntatt li l-BirdLife Malta Ringing Scheme għamlet mill-ewwel mal-iskema tar-ringing tal-Latvja, bis-saħħa tad-dettalji li kien hemm fuq iċ-ċurkett tal-metall ET8905 u ċ-ċurkett tal-kulur (aħmar bil-kliem abjad) EN3 li kien liebes l-għasfur.
Il-vjaġġ ta’ dan l-għasfur, madanakollu, intemm ħesrem riżultat dirett tal-istat ta’ impunità li jinsab fih is-settur tal-kaċċa f’pajjiżna. Snin ilu kien ikun impost curfew fit-3pm sabiex dawn it-tip ta’ għasfar jiġu mħarsa milli jispiċċaw jiġu kkaċċjati hekk kif jaslu Malta biex jistrieħu matul il-lejl.
Ħafna mill-kaċċa li tiġi osservata waranofsinhar tkun proprju fuq speċi protetti bħal dawn.Din hija t-tieni Arpa li spiċċat fil-mira tal-kaċċa illegali f’inqas minn ġimgħa wara l-Arpa li nġabret minn staff tagħna fir-Riserva Naturali tal-Għadira wara li niżlet fuq waħda mill-gżejjer li hemm fir-riserva, fejn mietet il-Ħadd.
Ħafna minn dawn l-għasfar joriġinaw minn pajjiżi Baltiċi u Skandinavi fejn għaddejjin sforzi intensivi ta’ konservazzjoni biex ikabbru l-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi.