Wara li għelbu lil Juventus fi tmiem il-ġimgħa, Sassuolo komplew jimpressjonaw meta fi Stadio San Siro għelbu lil Inter 2-1.
B’dan ir-riżultat sorprendenti approfittaw Milan li bis-saħħa tar-rebħa diffiċli f’Sardinja kontra Cagliari, issa laħqu lil Inter fil-quċċata tal-klassifika.
Għal Inter din kienet l-ewwel telfa tal-istaġun, Inter li wara r-ebħa kbira ta’ 5-1 fid-derby dehru li jistgħu jaħarbu bil-kampjonat.
Iżda t-tellieqa għadha waħda twila u miftuħa għal diversi timijiet, fosthom għaċ-champions Napoli li l-bieraħ kisbu rebħa tajba kontra Udinese, u anki għall-istess Juventus li t-Tlieta taw l-ewwel telfa lil Lecce.
Sassuolo ikkonfermaw it-tajjeb kollu li wrew kontra Juventus u mill-ewwel deher li ma kinitx se tkun passiġġata għal Inter.
Minkejja dan Inter daħli jistrieħu b’goal vantaġġ skorjat minn Dumfries eżatt qabel l-intervall.
Fit-tieni taqsima Sassuolo dawru l-andament tal-logħba biex ħolqu l-ikbar sorpriża s’issa fil-kampjonat.
Iżda fl-54 minuta Sassuolo kisbu l-goal tad-draw meta Bairami skorja b’xutt angolat bil-goalkeeper ta’ Inter Sommer indeċiż f’din l-azzjoni.
Fit-63 minuta kien Berardi li skorja l-goal tar-rebħa b’xutt bid-dawra minn tarf il-kaxxa, xutt li ħalla lil Sommer iħares.
Milan approfittaw biex wara d-disfatta fid-derby issa laħqu lil Inter fil-quċċata tas-Serie A.
Milan kellhom diversi ċansijiet ta’ skor fl-ewwel nofs siegħa iżda ma kienux konkreti quddiem il-lasta.
Cagliari kienu qed joħolqu diversi problemi għal Milan u marru fil-vantaġġ fid-29 minuta meta Luvumbo għeleb lil Sportiello minn qagħda angolata.
Iżda Milan kellhom reazzjoni tajba fl-aħħar minuti tat-taqsima u l-ewwel kisbu l-goal tad-draw permezz ta’ Okafor li b’hekk skorja l-ewwel goal tiegħu bil-flokk ta’ Milan, u eżatt qabel l-intervall kien Tomori li kompla għal ġewwa mill-viċin kross ta’ Reijnders.
Fit-tieni taqsima Cagliari ħaġu jattakkaw u Milan dehru fi kriżi iżda Loftus-Cheek għalaq il-logħba mas-siegħa logħob b’xutt fil-baxx mid-distanza li spiċċa fir-rokna tax-xibka.
Riżultati
Cagliari v Milan 1-3
Empoli v Salernitana 1-0
Verona v Atalanta 0-1
Inter v Sassuolo 1-2
Lazio v Torino 2-0
Napoli v Udinese 4-1