Bħall-llum 5 snin ilu, is-Sibt 29 ta’ Settembru 2018 kien il-ġurnata tal-Inkurunazzjoni Solenni tal-Istatwa Titulari tas-Sultana Tagħna tal-Qalb ta’ Ġesù, Patruna tas-Soċjetà Filarmonika Sliema.
Tifkira ta’ dan il-Jum li jibqa’ mnaqqax fl-istorja tal-parrocca tagħna.
Dan il-Jum ta’ Ċelebrazzjoni beda’ fil-5.30 pm fejn il-Banda Ċittadina “Sliema” taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro Lesley Tabone bdiet tilqa’ in-nies preżenti li barru li ppakjaw is-Santwarju Marjan ħonqu wkoll Triq San Trofimu, b’diversi daqq ta’ marċi brijużi minn fuq iz-zuntier. Il-Banda Ċittadina “Sliema” imbgħad laqgħet ukoll il-wasla tal-Arċisqof ta’ Malta l-Eċċellenza Tiegħu Mons Charles J. Scicluna bid-daqq tal-Marcia Pontificia.
Fis-6 pm imbgħad ingħata bidu għall-Konċelebrazzjoni Pontifikali bl-Inkurunazzjoni Solenni mmexxija mill-Eċċellenza Tiegħu Mons Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta, assistit minn Mons George Bugeja ofm, Isqof ta’ Tripli, u minn Mons. Pawlu Darmanin ofm cap, Isqof emeritu ta’ Garissa bis-sehem ukoll tal-Ministru Provinċjal Rev Patri Richard S Grech ofm, il-Fraternita’ Franġiskana u diversi saċerdoti oħra.
Fil-bidu taċ-Ċelebrazzjoni il-Minitru Provinċjal u l-Kappillan qraw id-digriet tal-Inkurnazzjoni u werewh ukoll lil dawk kollha preżenti.
Fil-mument tat-tpoġġija tal-Kuruni fuq il-Bambin u imbgħad fuq is-Sinjura Tagħna tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ kien hemm diversi ċapċip u tgħanniq ta’ dawk preżenti fost ferħ kbir. L-Orkestra flimkien ma’ kurunettisti tal-Banda Ċittadina “Sliema” daqqet ukoll Fanfarra tal-Innu Popolari “Viva Dejjem” ta’ Domenico Quercetti u fl-istess ħin inħaraq Salut bil-Logħob tan-Nar.
Wara li ntemm dan il-Pontifikal ġie mikxuf Monument ta’ Kommemorazzjoni ta’ dan il-mument u ġurnata speċjali ġewwa s-Santwarju Marjan. Dan il-monument tal-irħam sar mill-marmista u artista s-Sur Ronald Pisani u għalih ikkontribwew ukoll diversi familji.
Wara ġie organizzat festin tal-okkażjoni fi Triq San Trofimu quddiem il-Knisja. Waqt dan il-Festin il-Banda Ċittadina “Sliema” ħadet sehem bid-daqq tal-marċi brijużi li rrekordjat fuq Compact Disc li ħarget għall-bejgħ ukoll għal din l-okkażjoni speċjali minn fuq iz-zuntier tas-Santwarju. Kien hemm ukoll għaddej logħob tan-nar tal-ajru minn Manoel Island.
Festin ieħor ġie organzziat ukoll fl-istess ħin fis-Sede tas-Soċjeta’ Filarmonika “Sliema” fejn ukoll ġiet inawgurata lapida tal-irħam fuq disinn u maħduma mis-Sur Ronad Pisani bħala tifkika ta’ dan il-Jum tal-Inkurunazzjoni.